Il-paġna Aġġornament tat-Temp esprimiet ir-rabja u d-dwejjaq tagħha għal dak li qed iseħħ tant qrib tagħna, filwaqt li fakkret li nirien bħal dawn mhux biss iħallu ħerba warajhom, iżda jistgħu wkoll ikomplu jaggravaw il-kundizzjonijiet ta’ sħana estrema.
Fil-messaġġ tagħha, il-paġna qajmet ukoll allegazzjonijiet inkwetanti dwar kif uħud minn dawn in-nirien jistgħu jkunu qed jitqabbdu apposta, fosthom rapporti ta’ moħqrija fuq annimali li allegatament qed jintużaw biex jinfirxu l-fjammi. “Din hi l-akbar mistħija tal-bniedem,” kitbet il-paġna, filwaqt li staqsiet: “Meta se jitgħallem il-bniedem?”
Wara dawn in-nirien hemm ukoll nies li qed jirriskjaw ħajjithom biex jipproteġu lil ħaddieħor u jsalvaw dak li jistgħu. Fil-messaġġ issemma ħaddiem li tilef ħajtu waqt li kien qed jiġġieled in-nirien. Dan l-eżempju huwa tfakkira kerha tal-periklu li jiffaċċjaw dawk fuq quddiem nett li allaħares ma jkunux huma f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
Il-paġna temmet billi wasslet solidarjetà lil dawk kollha milquta fi Sqallija u appellat lil min jinsab hemm, speċjalment f’żoni aktar imwarrba, biex joqgħod attent.
Fb/Aġġornament tat-temp