Għaddiet sena mit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta' Mildred Azzopardi f'inċident tat-traffiku, u bintha Amy Azzopardi qasmet messaġġ emozzjonanti li fih fetħet qalbha dwar il-vojt li ħalliet warajha ommha. F'post fuq il-midja soċjali, Amy reġgħet għexet l-aħħar sigħat li qatt qattgħet ma' ommha. Fakkret kif dakinhar ta' Ħadd niżlet iżżurha flimkien mal-familja tagħha, fejn, bħas-soltu, laqgħathom bi mħabba u ospitalità.
Amy kitbet li għadha tiftakar l-aħħar kliem li qaltilha ommha hekk kif kienu se jitilqu, "Ara ħa jħallini bi tbissima l-boxer! Ċaw hi, bless, love you." Kien dak l-aħħar mument li rat u semgħet lil ommha. Hija rrakkontat kif aktar tard dakinhar irċeviet telefonata mingħand oħtha biex tinżel l-isptar minnufih, fejn saret taf li ommha kienet tilfet ħajjitha f'inċident bil-karozza, filwaqt li missierha kien qed jiġġieled għal ħajtu.
Fil-messaġġ tagħha, Amy stqarret li l-uġigħ ma naqasx maż-żmien, u li kull kisba jew ċelebrazzjoni fil-ħajja tagħha tibqa' mċajpra bin-nuqqas ta' ommha. "Sfortunatament il-weġgħa mhux vera ttaffi maż-żmien, u l-ħin mhux dejjem jgħin. Kuljum naħseb fik," kitbet Amy, filwaqt li spjegat li kull esperjenza ġdida ġġibilha wkoll sens ta' dwejjaq għax ommha m'għadhiex hemm biex taqsam dawk il-mumenti magħha.
Amy żvelat ukoll li meta ommha mietet, binha kellu biss xahrejn u nofs. Illum hu għandu sena u xahrejn, filwaqt li hi tinsab tqila b'tewmin. Hija qalet li kieku ommha kienet għadha ħajja kienet tkun ferħana immens li se tilqa' tliet neputijiet, għalkemm temmen li diġà "iltaqgħet magħhom" qabel twieldu.
Fost l-aktar tifkiriet li baqgħu magħha hemm meta ommha kienet l-ewwel waħda li marret iżżurha l-isptar wara t-twelid ta' binha, b'bukkett fjuri u thermos brodu, għax dejjem kienet tinsisti fuq kemm kien importanti li tieħu ħsieb saħħitha. F'għeluq il-messaġġ tagħha, Amy indirizzat lil ommha b'wegħda ċara u emozzjonanti, "Serraħ rasek, li mhu ħa nħalli QATT li tintnesa kif qatluk sa ma tinqata' s-sentenza."
Hija temmet billi qalet li, minkejja li temmen li ommha għadha magħhom fl-ispirtu, in-nuqqas tagħha jinħass kuljum. "Il-ħajja vera bla sugu mingħajrek... kollha nimmissjawk immensament u nħobbuk għal dejjem."
Facebook / Mildred Azzopardi