“Kienet l-Isbaħ Telefonata Li Qatt Kelli F’Ħajti” – John Bundy Ifakkar Il-Jum Li Sar Nannu

Il-preżentatur maħbub John Bundy qasam mument mill-aktar emozzjonanti hekk kif illum qed jiċċelebra s-sitt sena minn meta sar nannu għall-ewwel darba.

F'post li qasam fuq il-midja soċjali, Bundy irrakkonta kif sitt snin ilu, għall-ħabta tat-8:00 ta' filgħaxija, kien fuq il-bejt meta rċieva dik li ddeskriva bħala "l-isbaħ telefonata ta' ħajti". Huwa spjega li kien proprju Justin, ir-raġel ta' bintu Samyra, li ċempillu biex jagħtih l-aħbar tant mistennija.

"Bħal-lum 6 snin, ħadt l-isbaħ telefonata ta' ħajti. Kont fuq il-bejt, kienu t-8 ta' filgħaxija, ċempilli Justin u qalli: 'Hello Nannu, se jkollok ma' min tilgħab ballun, għandna tifel.'" Bundy qal li dak il-ħin baqa' mistagħġeb u dar lejn martu biex jgħidilha, "Sirna nanniet."

Hu kompla billi staqsa dwar bintu Samyra u n-neputi li kien għadu kif twieled, u Justin assigurah li t-tnejn kienu f'saħħithom. Il-preżentatur stqarr li dik kienet "l-isbaħ telefonata li qatt kelli f'ħajti" u ddeskriviha wkoll bħala "telefonata tal-aqwa promozzjoni li qatt ħadt", b'referenza għar-rwol il-ġdid tiegħu bħala nannu.

Fl-istess messaġġ, Bundy wassal awgurju mill-qalb lin-neputi tiegħu Clark f'għeluq is-sitt snin tiegħu, u temm b'messaġġ mimli mħabba, "Happy Birthday Clark. Inħobbuk sal-mewt." Minn naħa tagħna, nawguraw lil Clark għeluq sninu mill-isbaħ, mimli saħħa, ferħ u ħafna mumenti sbieħ mal-familja tiegħu.

Ritratti:

Facebook / John Bundy

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI