“Sħana Persistenti Mistennija Matul L-Ewwel Nofs Ta’ Awwissu” – Maltese Islands Weather

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Maltese Islands Weather żammew lis-segwaċi tagħhom aġġornati b’dak li għandu x’jaqsam ma’ temp fix-xahar li riesaq lejna.

Huma qalu, “Sħana persistenti mistennija matul l-ewwel nofs ta' Awwissu. L-ewwel nofs ta' Awwissu jidher li se jkun ikkaratterizzat minn perjodu twil ta' temperaturi massimi li kontinwament se jilħqu jew jaqbżu l-35°C. Minkejja dan, din x'aktarx mhux se tkun ikklassifikata bħala 'heatwave' skont id-definizzjoni klimatoloġika, peress li bħalissa ma jidhirx li se jkollna tliet ijiem konsekuttivi jew aktar b'temperaturi massimi tal-anqas 5°C ogħla mill-medja klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.”

Żiedu, “Dan ma jfissirx li s-sħana mhux se tinħass. Għall-kuntrarju, il-kombinazzjoni ta' temperaturi għoljin u umdità persistenti mistennija tkompli tagħmel il-ġranet aktar skomdi u l-iljieli jibqgħu tropikali, b'temperaturi li f'ħafna lokalitajiet bilkemm jinżlu taħt il-25°C.”

Qalu wkoll, “Il-grafika mehmuża turi t-temperaturi madwar il-livell ta' 850 hPa** fl-atmosfera (madwar 1.5 km 'il fuq mil-livell tal-baħar). Jidher b'mod ċar kif massa estensiva ta' arja sħuna ta' oriġini Saħarjana tibqa' testendi fuq il-Mediterran ċentrali għal diversi jiem konsekuttivi. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex is-sħana mistennija tibqa' tippersisti fil-Gżejjer Maltin.Bħal dejjem, il-previżjonijiet fit-tul jistgħu jinbidlu kemxejn, iżda bħalissa hemm sinjal konsistenti li l-ewwel nofs ta' Awwissu se jkompli fuq nota ferm sħuna.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI