Corazon Mizzi, li kitbet il-lirika tal-kanzunetta rebbieħa tal-Għanja Tal-Poplu, esprimiet l-emozzjonijiet li qed tħoss dalgħodu wara r-rebħa tal-bieraħ.
Kitbet, “Jien li dejjem insib il-kliem, dalgħodu mhux qed insibhom. Il-kanzunetta tiegħi MARA ma nkitbitx biex nirbaħ il-festival - ktibtha għaliex kont nemmen li l-istorja ta' kull mara jixraqiliha tinstema'. Hija ittra ta' mħabba għas-saħħa, ir-reżiljenza, il-vulnerabbilità, id-diversità u l-kuraġġ li aħna n-nisa nġorru kuljum - kultant fis-skiet, mingħajr ma nistennew il-grazzi. Jekk kull minn jismagħha, jifhimha u iħossu spirat minna, mela l-iskop tal-kanzunetta diġà ntlaħaq.”
Żiedet tgħid, “Li nirbaħ l-Għanja tal-Poplu huwa unur li se nibqa' ngħożż għal dejjem - il-50 edizzjoni ġabet magħha il-ħames darba li kanzunetta tiegħi rebħet dan il-festival. L-4 darbiet l-oħra rbaħtu b'kanzunetti li ktibt u kantajt jien stess 'Hawn Jien', 'Tal-Aħħar' (ma' Walter Micallef), 'Mill-Għajnejn ta' Tifla' u 'X'Se Jsir?' - u issa b'MARA: kanzunetta li ktibt jien interpretata minn Cherylis.:
Qalet ukoll, “Lil Cherylis tajtha ħafna x'tagħmel f'din il-kanzunetta. Il-mertu tagħha jmur lil' hinn minn sempliċiment dak li jidher fil-wiċċ. Kull nota kellha bżonn attakk, timbru u texture partikolari. La kelli l-għodda, użajthom kollha u Cherylis għodda vokali għandha kemm trid, u magħhom trid iżżid skoss umiltà mħallta ma' partita kunfidenza u saħħa ġewwinija - kuntrast intriganti li dwaru wkoll titkellem il-kanzunetta. Il-lejl li għadda mhux se ninsih malajr. Illum qomt inġorr responsabbilità akbar - li nkompli noħloq il-mużika li titkellem b'mod onest, li tinftiehem, mingħajr biża' u b'intenzjoni ċara li tmiss il-qlub. Grazzi Għanja tal-Poplu. Grazzi Cherylis u t-tim warajha mmexxi minn Marc Calleja Bayliss. Grazzi Mro Paul Borg. Grazzi Sergio Costa. Grazzi Mro Joe Brown u l-Orkestra. Prosit lill-parteċipanti l-oħra u lill-kompożituri/l-awturi sħabi. U Grazzi mill-fond ta' qalbi lilkom li dejjem ħabbejtu l-kanzunetti tiegħi.”
Awguri mill-qalb!
Facebook / Corazon Mizzi