Mara Ordnata Tirritorna Ċurkett Ta’ €32,200 U Karozza Ta’ €15,700 Lill-Eks Għarus Tagħha

Mara ġiet ordnata mill-Qorti tirritorna lill-eks għarus tagħha ċurkett tad-deheb li jiswa €32,200 u karozza b’valur ta’ €15,700, wara li r-raġel fetaħ kawża li ġiet deċiża favurih.

It-tnejn huma ta’ nazzjonalità Taljana, għandhom tifel flimkien u għal xi żmien għexu Malta. Ir-raġel sostna li kien taha ċ-ċurkett u l-karozza meta kellhom il-ħsieb li jiżżewġu, iżda r-relazzjoni tagħhom eventwalment intemmet. Il-mara ċaħdet l-allegazzjonijiet li għamel fil-konfront tagħha u sostniet li kien hu li abbanduna lilha u lil binhom.

L-Imħallef Doreen Clarke nnotat li meta r-raġel ta ċ-ċurkett lill-mara, miegħu kien hemm ktejjeb bil-kliem "Mi vuoi sposare?", jiġifieri "Trid tiżżewwiġni?". Il-Qorti qieset li dan, flimkien mal-valur għoli tar-rigali, kien jindika li dawn ingħataw bil-ħsieb taż-żwieġ.

Il-mara qalet li kienet biegħet iċ-ċurkett għal €4,000 biex tkopri spejjeż legali, iżda l-Qorti ma emmnitx din il-verżjoni. Il-karozza għadha fil-pussess tagħha.

Il-Qorti għalhekk ordnatilha tirritorna ċ-ċurkett u l-karozza lill-eks għarus tagħha jew, jekk dan ma jkunx possibbli, tħallsu l-valur tagħhom.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI