Raġel ta’ 54 sena minn Ħaż-Żabbar sofra ġrieħi ħfief wara li kien involut f’ħabta li wasslet biex il-vettura li kien qed isuq tinqaleb fuq il-ġenb.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7pm, fis-salib it-toroq fi Triq il-Kappuċċini, Ħaż-Żabbar, meta l-karozza misjuqa mir-raġel ta’ 54 sena kienet involuta f’ħabta ma’ vettura oħra misjuqa minn raġel ta’ 38 sena, residenti Birkirkara.
Fuq il-post issejħu Membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lir-raġel ta’ 54 sena, li spiċċa maqbud ġewwa l-vettura wara li nqalbet fuq il-ġenb.
Wara li nħareġ mill-karozza, huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.
Intant, residenti tal-inħawi qed jappellaw biex tittieħed azzjoni f’dan il-punt tat-triq, hekk kif kemm-il darba seħħew diversi inċidenti hemmhekk.
“Ilna ngħidu l-istess ħaġa. Is-salib it-toroq tan-niżla ta’ Sant’Andrija huwa perikoluż immens. Kulħadd joħroġ bl-addoċċ. Dejjem bil-ħoss tat-tyres iwerżqu,” kiteb resident. Żied jgħid: “Xi ħaġa trid isseħħ għax se jmut xi ħadd hemm.”
Facebook/Żabbar Residents