Bħalissa fl-Istati Uniti għaddej il-ġuri ta’ Lindsay Clancy, omm ta’ 35 sena minn Massachusetts akkużata bil-qtil tat-tliet uliedha żgħar, Cora, Dawson u Callan, f’Jannar tal-2023. Wara l-qtil ta' uliedha, Clancy pruvat tieħu ruħha b'idejha fejn sal-lum il-ġurnata għadha f'siġġu tar-rotti hekk kif spiċċat paralizzata.
Fiċ-ċentru tal-każ hemm is-saħħa mentali ta’ Clancy fix-xhur ta’ wara t-twelid tat-tielet wild tagħha. Skont dak li ħareġ fil-Qorti, hija kienet għaddejja minn dipressjoni u ansjetà qawwija wara t-twelid, nuqqas ta’ rqad u ħsibijiet ta' suwiċidju, tant li f’perjodu minnhom iddaħħlet fi sptar psikjatriku.
Id-difiża qed issostni li Clancy kienet qed tbati wkoll minn postpartum psychosis, kundizzjoni rari iżda serja ħafna li tista’ twassal biex persuna titlef xinhi l-vera realtà. Il-prosekuzzjoni, min-naħa l-oħra, qed targumenta li l-qtil kien primedidat.
Dan il-ġuri qed iqajjem diskussjoni importanti dwar id-dipressjoni u l-psikożi wara t-twelid, kif ukoll dwar l-importanza li sintomi serji fuq ommijiet ġodda jiġu identifikati u trattati fil-ħin.
Dan il-każ mhux l-ewwel każ ta' natura simili, fejn fost l-oħrajn hemm il-każ ta' Andrea Yates li kienet akkużata li qatlet lill-ħames uliedha waqt li bħal Clancy kienet għaddejja minn kriżi mentali. Infatti, t-tieni ġuri ta' Yates ma qabilx ma' dak preċedenti u hi kienet meħlusa mill-akkużi. Minkejja dan, Yates għażlet li tqatta' l-bqija ta' ħajjitha f'faċilità psikjatrika.
Il-ġuri ta' Clancy mistenni jkompli fil-jiem li ġejjin.