Ramblers Malta Jistaqsu Għaliex Parti Mill-Passaġġ Tal-Victoria Lines Fil-Għargħur Qed Tingħata L-Konkos!

Ramblers Malta qajmu tħassib dwar xogħlijiet li qed isiru f’parti mill-passaġġ tal-Victoria Lines fil-Għargħur, fejn skont l-għaqda qed jintuża l-konkos f’żona marbuta ma’ monument skedat ta’ Grad 1. F’messaġġ indirizzat lill-Kunsill Lokali tal-Għargħur, Ramblers Malta staqsew għaliex is-sezzjoni tal-passaġġ li tinsab fil-lokalità qed tiġi pavimentata bil-konkos.

L-għaqda għamlet referenza għall-permess 06969/22 marbut mal-passaġġ pedonali u sostniet li, skont dan il-permess, kellha tintuża bażi ta’ ramel aggregat miksi b’ġebla tal-franka riċiklata.

"Għaliex qed tpattu s-sezzjoni tal-passaġġ tal-Victoria Lines fil-Għargħur bil-konkos?" staqsew Ramblers Malta, filwaqt li sostnew li x-xogħlijiet qed jagħmlu ħsara lill-ambjent ta’ madwar monument skedat ta’ Grad 1. L-għaqda appellat sabiex ix-xogħlijiet jitwaqqfu u dak li sar jiġi rriversjat, bil-għan li jitħares il-karattru u l-ambjent storiku tal-Victoria Lines.

Ritratti:

Facebook / Ramblers Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI