Tħabbru d-dettalji tal-aħħar tislima lill-eks preżentatur u xandar veteran Norman Hamilton, li l-mewt tiegħu ħalliet niket fost dawk kollha li segwew il-karriera twila tiegħu fix-xandir Malti. Il-funeral ta’ Hamilton se jsir nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Awwissu, fil-11:00 ta’ filgħodu, fil-Knisja ta’ San Publju, il-Furjana.
Il-familja appellat lil dawk li jixtiequ jagħtu l-aħħar tislima lil Norman biex, minflok fjuri, jagħmlu donazzjoni lill-Fondazzjoni Puttinu Cares. "Għal dawk li jixtiequ jagħtu l-aħħar tislima tagħhom, inkunu grati jekk, minflok fjuri, isiru donazzjonijiet lill-Fondazzjoni Puttinu Cares," qalet il-familja fil-messaġġ tagħha.
Il-familja rringrazzjat ukoll lil kull min kien qrib tagħha f’dan il-mument diffiċli, għall-ġesti ta’ solidarjetà, l-appoġġ u l-kondoljanzi li rċeviet. Norman Hamilton kellu karriera fix-xandir li mifruxa fuq aktar minn sitt deċennji, u matul is-snin sar wiċċ u vuċi familjari għal ġenerazzjonijiet ta’ Maltin.
Kondoljanzi lill-familja u lill-qraba kollha tiegħu. Strieħ fis-sliem, Norman.