Mil-lum, it-Tnejn 17 ta’ Awwissu, mistennija jibdew xogħlijiet kbar fuq l-ewwel estensjoni fuq skala kbira tal-Isptar Mater Dei minn meta fetaħ il-bibien tiegħu 19-il sena ilu. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa Ian Borg. Il-proġett, b’investiment ta’ €120 miljun, mistenni jieħu madwar tliet snin biex jitlesta u għandu jwassal għal żieda sostanzjali fil-kapaċità tal-isptar.
Fost ix-xogħlijiet ippjanati hemm it-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza, bil-kapaċità tiegħu mistennija tirdoppja minn 35 għal 70 cubicle. Se jiżdiedu wkoll 135 sodda ġdida, fosthom swali ddedikati għall-kura psikjatrika. Skont il-Ministru Borg, permezz ta’ din l-estensjoni, għall-ewwel darba s-servizzi tal-kura tas-saħħa fiżika u dawk tas-saħħa mentali se jinġabru taħt saqaf wieħed. Dan qed jitqies bħala żvilupp importanti għas-sistema tas-saħħa pubblika f’Malta.
Il-Ministru rrikonoxxa li proġett ta’ din l-iskala inevitabbilment se joħloq xi inkonvenjent għall-ħaddiema, il-pazjenti u dawk li jżuru l-isptar. Għaldaqstant, kull min ikollu jmur Mater Dei huwa mħeġġeġ isegwi d-direzzjonijiet u l-istruzzjonijiet li jingħataw fuq il-post.
Il-pubbliku qed jerġa’ jiġi mfakkar ukoll biex każijiet li mhumiex ta’ emerġenza ma jittieħdux fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Min ikollu bżonn gwida dwar liema servizz tas-saħħa għandu jirrikorri għalih jista’ jċempel fuq 1400. L-investiment għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-kapaċità ta’ Mater Dei u s-servizzi offruti lill-pazjenti fis-snin li ġejjin.
Taħsbu li dan l-investiment se jgħin biex tittaffa l-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa f’Malta?
Facebook / Mater Dei