L-akkademiku, awtur u karikaturist Malti Ġorġ Mallia miet fl-età ta’ 68 sena. Ġorġ kien magħruf sew għall-ħidma tiegħu fil-qasam tal-midja u l-komunikazzjoni, kif ukoll għall-kontribut kbir tiegħu fl-edukazzjoni.
Huwa kien kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta, fejn matul is-snin għallem u mexxa mijiet ta’ studenti, u kien hemm għalihom ta' appoġġ kbir u gwida biex jirnexxu fil-karriera tagħhom.
Ġorġ kien wiċċ familjari permezz tal-kotba għat-tfal li kiteb u għamel l-illustrazzjoni tagħhom hu stess. Il-ħidma tiegħu fil-letteratura għat-tfal uriet il-kreattività u l-imħabba tiegħu lejn l-illustrazzjoni u l-istejjer, u għamlitu figura magħrufa wkoll lil hinn mill-ambjent universitarju.
Matul il-karriera tiegħu, Ġorġ ħalla impatt fuq bosta oqsma: mill-edukazzjoni u l-midja sal-kitba, l-illustrazzjoni u l-karikatura.
Ninsabu tassew maħsuda b'din l-aħbar ta' dieqa. Insellmulek Ġorġ. Prosit u Grazzi ta' kollox minn qalbna. Strieħ fis-sliem għażiż.
Facebook/ Ġorġ Mallia