Is-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni A.D. 1880 ħabbret b’diqa l-mewt tas-Sur Joe Brincat, magħruf ma’ ħafna bħala ‘Żeppi l-Pippi’, persuna li għal snin twal kienet marbuta mill-qrib mal-festa ta’ Sant’ Andrija Appostlu.
F’messaġġ ta’ tislima, is-Soċjetà fissret kif Żeppi baqa’ jħobb il-festa sal-aħħar, b’mod partikolari l-armar. Hu kien jieħu gost jgħaddi dak kollu li kien jaf lil ġenerazzjonijiet iżgħar, biex l-imħabba u s-sengħa marbuta mal-armar tal-festa jibqgħu mexjin ’il quddiem. Wieħed mill-aktar mumenti għal qalbu kien jasal lejlet il-festa, meta kien jara l-istatwa tal-Anġlu tittella’ fuq il-pedestal. Mument li, skont is-Soċjetà, kien iqanqlu tant li dejjem kien ikollu demgħa f’għajnejh.
Żeppi kien ukoll preżenza ta’ kuljum fil-każin tas-Soċjetà u kien dejjem jinteressa ruħu f’dak kollu li jkun għaddej. "Grazzi ta’ kollox Żepp... tibqa’ f’qalbna!" temmet tgħid is-Soċjetà, filwaqt li l-President u l-Kumitat wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja kollha tiegħu.
Ningħaqdu magħhom f’din it-tislima u nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-qraba u l-ħbieb tiegħu. Strieħ fis-sliem, Żeppi.