“Dawn Huma Ħlejjaq Ħajjin Bi Bżonnijiet Ta’ Saħħa Fiżika, Emozzjonali U Mentali” – MSPCA Taqsam Appell Mill-Qalb

kelb jistenna

L-MSPCA qasmet messaġġ b’saħħtu dwar ir-responsabbiltà li ġġib magħha meta trabbi annimal domestiku, filwaqt li fakkret li l-annimali għandhom bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali u mentali li ma jistgħux jiġu injorati.

Spjegat li ħafna nies idaħħlu l-annimali f’ħajjithom għall-imħabba, il-kumdità u l-kumpanija li joffru, iżda saħqet li għandhom jitqiesu wkoll il-bżonnijiet tal-annimal innifsu.

“Dawn huma ħlejjaq ħajjin bi bżonnijiet ta’ saħħa fiżika, emozzjonali u mentali,” fakkret l-MSPCA.

L-organizzazzjoni qalet li l-messaġġ tagħha huwa mmirat lejn dawk il-każijiet fejn annimal jibqa’ maqbud f’dar li ma tistax tissodisfa l-bżonnijiet tiegħu.

Skont l-MSPCA, sitwazzjoni bħal din tista’ tfisser li l-annimal jispiċċa f’gaġġa, f’ambjent fejn qatt ma jkun verament parti minn familja u fejn il-bżonnijiet tiegħu ma jkunux qed jiġu sodisfati kif xieraq.

Il-messaġġ tal-MSPCA jservi bħala tfakkira dwar kif li jkollok annimal domestiku mhuwiex biss privileġġ jew kumpanija, iżda wkoll impenn u responsabbiltà.

L-annimali jiddependu fuq il-bnedmin biex jingħataw kura xierqa, ambjent adattat u l-attenzjoni meħtieġa.

Għalhekk, qabel ma persuna tiddeċiedi li ddaħħal annimal f’ħajjitha, huwa importanti li tistaqsi lilha nnifisha jekk verament għandhiex il-ħin, il-kundizzjonijiet u r-rieda li tipprovdi dak kollu li l-annimal għandu bżonn.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI