Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sellmet il-memorja ta’ Ġorġ Mallia, u ddeskrivietu bħala wieħed minn dawk il-persuni li l-ħidma tagħhom issir parti mit-tessut ta’ pajjiż. Permezz ta’ messaġġ li qasmet, Metsola fakkret il-kontribut li Mallia ta tul is-snin permezz tal-cartoons tiegħu, il-kitba, it-tagħlim u s-sens ta’ umoriżmu distintiv tiegħu.
"Hemm nies li l-ħidma tagħhom issir parti mit-tessut ta’ pajjiż. Ġorġ Mallia kien wieħed minnhom," kitbet Metsola. Hija kompliet tgħid li permezz tal-ħidma tiegħu, Mallia wassal lil ġenerazzjonijiet ta’ Maltin biex jitbissmu, jaħsbu u xi drabi saħansitra jħarsu lejhom infushom minn perspettiva differenti.
"Il-pinna tiegħu kellha mod kif tgħid ħafna bi ftit kliem. Malta u Għawdex se jkunu ifqar mingħajr l-umoriżmu, il-kreattività u l-vuċi tiegħu," kompliet tikteb. Metsola temmet il-messaġġ tagħha billi wasslet il-ħsibijiet tagħha lill-familja, lill-ħbieb, lill-istudenti tiegħu u lil dawk kollha li kellhom il-privileġġ li jsiru jafuh jew jaħdmu miegħu.
"Jistrieħ fis-sliem. Grazzi Ġorġ," temmet tikteb Roberta Metsola.
Facebook / Gorg Mallia