68 Tim, 40 Ġimgħa U €10,000 – Mgħaref Tal-Fidda Jirritorna B’Avventura Ġdida

Bl-iskeda l-ġdida ta’ Tokis, l-ewwel sigħat ta’ wara nofsinhar se jkunu mimlijin divertiment. Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru, Tokis se jkun qed joffri ħames programmi kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, b’xandir li jibda mit-15:30 ’il quddiem. Fost il-programmi li se jkunu qed jirritornaw hemm Mgħaref tal-Fidda, li wara s-suċċess tal-ewwel staġun se jkun lura b’kunċett kompletament ġdid. It-tieni staġun jibda nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru fil-17:30 u se jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Din id-darba, Mgħaref tal-Fidda se joħroġ mill-kċina u jinbidel f’avventura madwar Malta u Għawdex, fejn il-kompetizzjoni se tingħaqad mal-kultura, l-istorja u l-identità Maltija. B’kollox se jieħdu sehem 68 tim, magħmulin minn żewġ parteċipanti kull wieħed. Kull tim se jidħol fil-kompetizzjoni bil-għan li jiddefendi l-isem tal-lokalità tiegħu u javvanza kemm jista’ jkun.

Matul 40 ġimgħa ta’ xandir, kull ġimgħa se naraw żewġ timijiet jiltaqgħu f’dwell mifrux fuq ħames programmi f'dan il-programm immexxi minn Daniel Chircop u Matthew Raggio. Għalkemm jibdew u jispiċċaw mill-istess post, it-timijiet se jsegwu rotot differenti mimlijin ħjiel, ostakli u sfidi li se jittestjaw il-ħsieb, il-kreattività, il-komunikazzjoni u l-ħila tagħhom li jaħdmu flimkien.

Tul it-triq, il-parteċipanti se jkollhom jiskopru postijiet, isolvu misteri u jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jbiddlu r-riżultat tal-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, Mgħaref tal-Fidda se jieħu lit-telespettaturi f’diversi nħawi madwar il-gżejjer, filwaqt li juri s-sbuħija, l-istorja u l-karattru tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.

Madankollu, li tasal l-ewwel mhux bilfors ikun biżżejjed. Fi tmiem kull dwell, iż-żewġ timijiet se jaffaċċjaw logħba finali li tista’ taqleb kollox. Huma se jkollhom jagħmlu stima marbuta ma’ piż, tul, kwantità jew distanza, filwaqt li jużaw karti speċjali li jkunu ġabru matul ir-rotta biex jgħinuhom jersqu eqreb lejn it-tweġiba t-tajba.

Hekk kif il-kompetizzjoni timxi ’l quddiem, it-timijiet se jiġu eliminati sakemm jibqgħu l-aqwa tnejn. Dawn se jiltaqgħu f’finali kbira fejn tim wieħed biss se jirbaħ it-titlu ta’ Mgħaref tal-Fidda u l-premju ta’ €10,000. Mgħaref tal-Fidda – It-Tieni Staġun għalhekk iwiegħed taħlita ta’ kompetizzjoni, strateġija, kultura u avventura, fejn kull deċiżjoni tista’ tagħmel id-differenza sal-aħħar mument.

Dawk li jixtiequ jsegwu Mgħaref tal-Fidda u l-bqija tal-iskeda ta’ Tokis jistgħu bħalissa jieħdu l-ewwel tliet xhur sħaħ ta’ GO TV għal €5.99, u wara jibqgħu jħallsu €5.99 fix-xahar. L-abbonament jista’ jitwaqqaf fi kwalunkwe ħin mingħajr penali. L-offerta tinkludi Tokis, il-librerija Tokis On Demand b’aktar minn 4,000 episodju disponibbli biex tarahom meta trid, kif ukoll 20 stazzjon Malti u Taljan.

Biex tibda, kull ma trid tagħmel hu li tniżżel l-app GO TV b’xejn u tabbona. Is-servizz huwa miftuħ għal kulħadd u m’hemmx għalfejn tkun diġà klijent ta’ GO. Segwi aktar dettalji hawn: https://www.go.com.mt/tv/tokis/

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI