Clifford Galea qasam messaġġ mill-qalb dwar il-vjaġġ tiegħu, id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom tul it-triq u l-importanza li wieħed ma jaqtax qalbu meta r-riżultati ma jaslux malajr kemm ikun jixtieq. "Biex wasalt hawn batejt. Qed ngħid hekk, għax darba kellmitni persuna li flok il-post tiegħi serviet ta’ ġid, qatgħet qalbha iżjed. U fhimtha," beda jikteb Clifford.
Hu għamilha ċara li wara kull riżultat hemm proċess li mhux dejjem ikun faċli u li xi drabi jgħaddu x-xhur mingħajr ma wieħed jara l-bidla li jkun qed jistenna. "L-ebda riżultat mhu faċli f’ħajjitna. Nagħmlilkom kuraġġ biex tibqgħu tinsistu anke jekk ma tonqos xejn fi tliet xhur. Tibqa’ temmen."
Clifford ma ddejjaqx jitkellem ukoll dwar dawk il-mumenti ta’ frustrazzjoni li esperjenza hu stess. "Jien meta kont nara li ma nqastx, nordna xi erba’ pasti u nitħanhom kont. Bħal donnu vendikazzjoni miegħi nnifsi." Minkejja dawn il-mumenti, hu saħaq fuq l-importanza tal-perseveranza u li wieħed jifhem li l-bidliet ħafna drabi jseħħu bil-mod il-mod.
"Inkomplu nemmnu li pass pass isiru l-affarijiet. U ħa ngħidha wkoll, biex iżżommha, kif darba kitibli xi ħadd, mhux faċli. Ikun hemm mument li meta niekol, inpattilu l-għada. Imma nagħmlilkom kuraġġ ġenwin." Fuq kollox, Clifford għażel li jagħlaq il-messaġġ tiegħu fuq punt importanti ferm: li tkun xi tkun id-dehra jew il-mira li wieħed ikun qed jaħdem għaliha, l-imħabba u l-aċċettazzjoni lejna nfusna m’għandhomx jintilfu matul il-proċess.
"Mill-bqija, xorta waħda rridu nitgħallmu nħobbu lilna nfusna u naċċettaw id-dehra tagħna. Ħadd mhu perfett. L-irqiq irid jitlaħħam, u min fih qabda jrid jgħolob!" Messaġġ sinċier li jfakkarna li wara r-riżultati li naraw minn barra, ħafna drabi jkun hemm vjaġġ twil magħmul minn sfidi, waqgħat, perseveranza u, fuq kollox, il-ħtieġa li wieħed jitgħallem ikun aktar ġentili miegħu nnifsu.
Facebook / Clifford Galea