L-Association for Abandoned Animals qasmet ġest mill-isbaħ li sar b’tifkira ta’ Redeemer Grima, li tilef ħajtu traġikament il-ġimgħa li għaddiet fl-età ta’ 41 sena. Waqt il-funeral tiegħu, il-familjari u l-ħbieb ta’ Redeemer ingħaqdu flimkien sabiex jiġbru fondi b’tifkira tiegħu. Permezz tal-flus miġbura, saret donazzjoni kbira ta’ ikel għall-klieb li jinsabu fil-kura tal-Association for Abandoned Animals.
"X’mod sabiħ kif wieħed jonora l-memorja tiegħu," kitbet l-għaqda hekk kif qasmet ritratt tad-donazzjoni li waslet fix-xelter dalgħodu. L-għaqda wasslet ukoll il-kondoljanzi tagħha lill-familja ta’ Redeemer, b’mod partikolari lil ommu u lil ħutu bniet. Huma ilhom għal żmien twil jagħtu l-għajnuna tagħhom bħala voluntiera u sostenituri tal-għaqda, fost l-oħrajn billi jiġbru friex u provvisti għall-klieb fix-xelter.
B’hekk, f’mument ta’ niket kbir għall-familja u dawk kollha li kienu jafu lil Redeemer, il-memorja tiegħu qed tissarraf ukoll f’ġest ta’ ġenerożità li se jgħin lill-annimali fil-bżonn. "Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu. Jistrieħ fis-sliem. Amen," temmet tikteb l-Association for Abandoned Animals.
Kondoljanzi lill-familja, qraba u ħbieb kollha ta’ Redeemer f’dan iż-żmien diffiċli.
Facebook / AAA