Aħbar mill-isbaħ għal Malta hekk kif Miss World Malta, Nicole Spiteri, kisbet post fil-finali tal-kompetizzjoni Top Model waqt Miss World, fost rappreżentanti minn 111-il pajjiż. Nicole rnexxielha tidħol mal-aqwa 60 parteċipanta li se jikkompetu fil-finali ta’ dan l-avveniment tant mistenni.
Fuq il-midja soċjali, Nicole qasmet il-ferħ tagħha mas-segwaċi tagħha u kitbet, "Wasalt sal-finali tal-avveniment Top Model minn fost 111-il pajjiż. Malta tiegħi, nittama li qed nagħmilkom kburin. Bongu lil kulħadd!" Il-finali tat-Top Model mistennija ssir fit-28 ta’ Awwissu, fejn is-60 finalista se jkollhom iċ-ċans li jkomplu jispikkaw fuq il-catwalk.
Fl-istess avveniment se jieħdu sehem ukoll il-111-il rappreżentanta nazzjonali, li se jikkompetu għall-World Designer Award fir-reġjun kontinentali rispettiv tagħhom. Dan ċertament huwa riżultat pożittiv ferm għal Nicole f’dan l-istadju tal-kompetizzjoni internazzjonali. Awguri Nicole, Malta warajk!
Facebook / Nicole Spiteri