Il-kunsillier ta' San Ġiljan, Dave Caruana, sellem il-memorja ta’ Ian Borg, li ħalla din id-dinja fl-età żgħira ta’ 37 sena. F’messaġġ emozzjonanti, Caruana rrakkonta kif Ian kien fost l-ewwel persuni li laqgħuh meta, wara 15-il sena fl-istess impjieg, iddeċieda li jibdel ix-xogħol u jidħol f’ambjent ġdid.
"Kont l-ewwel wieħed li lqajtni. Kont wiċċ ferrieħi li kont inħares ’il quddiem biex niltaqa’ miegħu meta nqum biex immur għax-xogħol," kiteb Caruana. Huwa ddeskriva lil Ian mhux biss bħala kollega, iżda bħala ħabib u, fuq nota aktar personali, bħala Milanista bħalu. Qal li mhux se jinsa l-konversazzjonijiet u l-ħin li qattgħu flimkien.
Caruana fakkru bħala persuna onesta u ta’ qalb tajba, filwaqt li esprima d-dieqa tiegħu li Ian ittieħed daqshekk kmieni, fl-età ta’ 37 sena. "Kont raġel tajjeb. Strieħ fis-sliem u grazzi talli kont sempliċement int," temm jikteb Caruana.
Kondoljanzi lill-familja, il-ħbieb u dawk kollha li kienu jafu lil Ian. Strieħ fis-sliem.
Facebook / Dave Caruana