Storja li diffiċli ma tqanqalx emozzjoni hekk kif kelba li ngħatat l-isem Kate nstabet iddur waħedha fit-toroq, issofri minn każ sever ta’ glawkoma li kien ilu ma jiġi trattat. Maria D’Amato minn Innocent Paws qasmet l-istorja ta’ Kate u spjegat li l-kundizzjoni ta’ għajnejha kienet tant gravi li ma kien hemm l-ebda ċans li tiġi salvata.
Ilbieraħ, Kate kellha tagħmel operazzjoni intensiva biex titneħħielha l-għajn. Skont Maria, il-ħsara kienet kbira ħafna, tant li l-fsada waqt l-intervent uriet kemm kienet ilha tbati. Minkejja dak kollu li għaddiet minnu, Maria ddeskriviet lil Kate bħala kelba kuraġġuża, b’saħħitha, ġentili u mimlija fiduċja fil-bnedmin.
"Jista’ jkun li tlift għajnek, iżda żgur li ma tliftx ir-ruħ sabiħa tiegħek," kitbet Maria f’messaġġ emozzjonanti. Hija wegħdet lil Kate li minn issa ’l quddiem it-tbatija tagħha spiċċat u se tkun taf biss xi jfissru l-imħabba, il-qalb tajba u l-kura. Fortunatament, Kate issa tinsab f’post sigur u qed tirkupra mill-operazzjoni, imdawra bl-imħabba u tingħata l-kura kollha li għandha bżonn.
Maria rringrazzjat ukoll lil dawk li joffru li jiffosterjaw klieb fil-bżonn. Hija saħqet li mingħajr persuni lesti jiftħu djarhom għal annimali bħal Kate, ikun impossibbli għaliha li tilqa’ każijiet bħal dawn. Nawguraw lil Kate fejqan ta’ malajr u nittamaw li minn issa ’l quddiem ikollha l-ħajja mimlija mħabba u serenità li dejjem kien jistħoqqilha.
Facebook / Innocent Paws