Il-Malta Pride 2026 se toffri programm varjat ta’ attivitajiet li jlaqqa’ flimkien il-komunità LGBTIQ+, attivisti, organizzazzjonijiet u l-pubbliku ġenerali biex flimkien niċċelebraw id-diversità u l-ugwaljanza.
Iċ-ċelebrazzjoni tibda fl-4 ta’ Settembru bil-Malta Pride Opening Night, serata li se tiftaħ uffiċjalment il-Pride Week.
Il-programm jibda b’diskorsi minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet LGBTIQ+, li se jirriflettu fuq il-progress li sar, l-isfidi li għad fadal u l-importanza tal-għaqda. Wara jkun hemm riċeviment u party bi drag performances, divertiment u DJs.

Fost l-attivitajiet hemm ukoll Queer Cinema Night, b’wirja tal-film Breaking Fast, li jirrakkonta l-istorja ta’ Mo, Musulman omosesswali li jgħix f’Los Angeles u jħabbat wiċċu mal-intersezzjoni bejn il-fidi, il-familja, l-imħabba u l-identità tiegħu.
Wara l-film se ssir diskussjoni dwar l-identitajiet queer Għarab u Musulmani u dwar temi bħall-kultura, il-fidi, is-sesswalità u s-sens ta’ appartenenza. Ir-reġistrazzjoni għal din l-attività hija meħtieġa.

Programm ieħor importanti huwa l-Out@Work Conference, li din is-sena se ssir għar-raba’ darba. Il-konferenza se tiffoka fuq l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol u tlaqqa’ professjonisti, impjegaturi, esperti tar-riżorsi umani, attivisti u ħaddiema LGBTIQ+.
Permezz ta’ diskorsi u diskussjonijiet, se jiġu esplorati modi prattiċi kif jinħolqu ambjenti tax-xogħol aktar sikuri u inklużivi.

Il-Ħamis 10 ta’ Settembru, il-Qawra Palace Resort & SPA se jospita Drag Bingo & Music Concert, serata ta’ mużika, drag, burlesque, bingo u divertiment.
Jagħtu spettaklu se jkun hemm Miriana Conte, Fabrizio Feniello, Claudia Faniello, Kurt Anthony u Fadi Abou Rjeili, filwaqt li se jipparteċipaw artisti drag bħal Olivia Lillith, Perta Borg, KIKI u Masha Fierce. Jingħaqdu f'din iċ-ċelebrazzjoni l-burlesque artist Undine LaVerve, kif ukoll id-DJ lokali, DJ Owen.

Fil-11 u 12 ta’ Settembru, il-Pride Village fi Pjazza Tritoni se jkun ċentru ta’ attività u laqgħat, bi stands ta’ NGOs, advocacy groups u kumpaniji li jappoġġjaw lill-komunità LGBTIQ+.
Il-viżitaturi jkunu jistgħu jsiru jafu aktar dwar il-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, is-servizzi tagħhom u inizjattivi differenti, kif ukoll jixtru oġġetti relatati mal-Pride.

Il-qofol tal-ġimgħa jasal nhar it-12 ta’ Settembru, bil-Malta Pride March, li tibda fil-17:00 minn ħdejn il-funtana tat-Tritoni.
Il-marċ jgħaddi mit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta, bi floats, banners, mużika u messaġġi favur l-ugwaljanza u l-inklużjoni, qabel jintemm qrib il-Parlament. Wara, mit-20:00, il-festi jkomplu fi Pjazza Tritoni b’DJ set u aktar divertiment.
Lil hinn mill-mużika u ċ-ċelebrazzjoni, il-ġimgħa tal-Pride Week tibqa’ opportunità biex jitfakkru l-kisbiet miksuba u l-ħidma li għad trid issir. Nippromwovu l-ugwaljanza, ir-rispett u s-solidarjetà, filwaqt li jinħoloq spazju fejn kulħadd jista’ jħossu liberu li jkun hu.
Ser tkunu hemm?! Prosit u Grazzi lit-tim kbir bil-kru u l-artisti b'kollox li tant jaħdmu bla waqfien biex itellgħu ġimgħa speċjali bħal din!
