Tħabbret il-mewt ta’ Jonathan Mamo, il-Head Chef tar-ristorant Browns fil-Valletta Waterfront, fl-età ta’ 44 sena. Jonathan kien ilu għal aktar minn għaxar snin jokkupa l-kariga ta’ Head Chef fi Browns, fejn tul is-snin sar parti importanti mit-tim u mill-komunità tal-Valletta Waterfront.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Valletta Waterfront sellmet il-memorja tiegħu u fissret kif il-preżenza, id-dedikazzjoni u l-kontribut tiegħu fi Browns kienu apprezzati ferm. "Hu sar parti importanti minn komunità mibnija fuq il-ħbiberiji, esperjenzi kondiviżi u rabtiet li jibqgħu," kitbu huma fit-tislima tagħhom.
Il-Valletta Waterfront wasslet ukoll il-kondoljanzi mill-qalb lill-familja u l-ħbieb ta’ Jonathan, kif ukoll lil dawk kollha li kellhom l-opportunità li jsiru jafuh u jaħdmu miegħu. Il-mewt tiegħu ħalliet niket fost il-kollegi tiegħu u dawk li jiffurmaw parti mill-komunità tal-Valletta Waterfront, li qed isellmu l-memorja ta’ persuna li kienet ilha snin twal parti mill-ħajja tagħhom.
Kondoljanzi lill-familja u l-qraba kollha tiegħu. Strieħ fis-sliem, Jonathan.