Użu Tal-Elettriku – Jitwal Il-Perjodu Ta’ Domanda Għolja Hekk Kif Jinbidlu X-Xejriet Tal-Konsum  

Id-domanda għall-elettriku baqgħet konsistentement għolja matul l-aħħar xahar, b’livelli li jvarjaw bejn is-680MW u s-700MW. Skont l-aħħar statistika ta’ Enemalta, il-konsum tal-elettriku issa qed jibqa’ qrib id-domanda record għal perjodi ferm itwal matul il-ġurnata. Enemalta qalet li, filwaqt li fis-snin li għaddew id-domanda kienet ġeneralment tilħaq il-peak demand tagħha bejn nofsinhar u t-3pm u terġa’ titla’ għall-ħabta tas-7pm hekk kif in-nies jirritornaw lejn djarhom mix-xogħol, dan is-sajf ġie nnutat tibdil ċar fix-xejriet tal-konsum. 

 Illum, id-domanda qed tilħaq livelli għoljin minn madwar nofsinhar u tibqa’ elevata sa tard filgħaxija. Dan jikkuntrasta mas-snin preċedenti, meta l-konsum kien normalment jonqos bejn it-3pm u s-7pm. 

 Din ix-xejra qed tiżviluppa fi żmien meta l-użu tal-elettriku fid-djar qed jiżdied b’mod sostanzjali. Statistika reċenti tal-Eurostat turi li bejn l-2015 u l-2024 il-konsum tal-elettriku fid-djar Maltin żdied bi kważi 66%, l-ogħla żieda rreġistrata fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ferm ogħla miż-żieda ta’ ftit aktar minn 3% irreġistrata madwar l-UE fl-istess perjodu.  

Fl-2023, Malta kienet irreġistrat peak demand ta’ 663MW. Dan ir-rekord inqabeż ix-xahar li għadda meta d-domanda laħqet il-741MW, żieda ta’ kważi 12%. 

 Peress li t-temperaturi għoljin mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin, huwa mistenni li d-domanda għall-elettriku tibqa’ għolja. Għalhekk, Enemalta qed tappella lill-klijenti tagħha, inklużi n-negozji u l-entitajiet kummerċjali, biex jużaw l-elettriku b’mod effiċjenti mingħajr ma jikkompromettu l-kumdità jew is-saħħa tagħhom. 

 L-arja kkundizzjonata ta’ madwar 25°C hija effettiva filwaqt li tnaqqas il-ħela. Għall-aħjar effiċjenza, huwa rakkomandat li l-bibien u t-twieqi jinżammu magħluqa u li jiġu mkessħa biss il-kmamar li jkunu qed jintużaw.

Ritratti:

Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI