Is-sewwieqa li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jgħaddu mill-inħawi ta’ Ħal Far għandhom joqogħdu attenti għal għeluq ta’ triq matul il-lejl. Infrastructure Malta ħabbret li r-Roundabout tal-Paċi, f’Ħal Far, se tingħalaq kompletament għal tliet iljieli sabiex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ scarifying u asfaltar. Dawn ix-xogħlijiet se jimmarkaw il-fażi finali tal-proġett tat-toroq li bħalissa għaddej fl-inħawi.
L-ewwel għeluq se jsir nhar l-Erbgħa 2 ta’ Settembru mis-19:00 sal-05:00 tal-Ħamis 3 ta’ Settembru. Ir-roundabout terġa’ tingħalaq il-Ħamis 3 ta’ Settembru mis-19:00 sal-05:00 tal-Ġimgħa, u mill-ġdid il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru mis-19:00 sal-05:00 tas-Sibt 5 ta’ Settembru.
Matul dawn il-ħinijiet se jkun hemm ukoll tibdil fir-rotot tat-traffiku. Dawk li jkunu ġejjin minn Birżebbuġa se jiġu devjati mill-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far lejn iż-Żurrieq, filwaqt li traffiku li jkun ġej minn Ħal Luqa mhux se jitħalla jgħaddi minn Ħal Far waqt il-ħinijiet tal-għeluq.
Infrastructure Malta qed tappella lis-sewwieqa biex isegwu s-sinjali u r-rotot tad-devjazzjoni, jippjanaw il-vjaġġ tagħhom minn qabel u jħallu ftit aktar ħin biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. L-entità skużat ruħha għal kull inkonvenjent u rringrazzjat lill-pubbliku tal-paċenzja u l-kooperazzjoni tiegħu sakemm jitlestew ix-xogħlijiet.
Facebook / Infrastructure Malta