Il-benefiċċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eliġibbiltà, iżda jibqgħu jgħixu bħala kerrejja fis-settur privat, mhux se jitilfu l-għajnuna f’daqqa, iżda se jibbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn.
Il-Ministru Owen Bonnici qal illi din il-bidla fil-Housing Benefit Scheme (HBS), magħruf ukoll bħala l-iskema ta’ sussidju tal-kera, tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jagħmel l-għajnuna aktar ġusta, immirata u sensittiva għall-bidliet fil-qagħda finanzjarja tal-familji.
Il-Ministru Bonnici qal illi l-Gvern se jkompli jirrevedi u jaġġorna l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar biex jibqgħu jirriflettu r-realtajiet ekonomiċi u soċjali tal-lum u jwieġbu b’mod effettiv għall-ħtiġijiet tan-nies.
Spjega wkoll kif taħt il-mekkaniżmu l-ġdid, il-benefiċċjarji mhux se jitilfu s-sussidju immedjatament meta jaqbżu l-limitu tad-dħul. Minflok, il-benefiċċju se jitnaqqas gradwalment fuq perjodu ta’ sentejn.
Fl-ewwel sena, se jibqgħu jirċievu 50 fil-mija tal-benefiċċju li kienu qed jirċievu qabel, filwaqt li fit-tieni sena se jirċievu 25 fil-mija.
Il-Ministru Bonnici qal li dan se jipprovdi aktar stabbiltà lill-familji matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jevita li dawk li jkunu tejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jiġu penalizzati b’mod immedjat.

Il-HBS huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Awtorità tad-Djar biex jitnaqqas il-piż tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fuq il-familji bi dħul baxx.
Fl-2025, l-investiment f’din l-iskema laħqet €10.7 miljun, b’ftit inqas minn 4,000 familja tibbenefika minn dan is-sussidju matul is-sena.
Il-mekkaniżmu l-ġdid se japplika awtomatikament għall-benefiċċjarji eliġibbli, mingħajr il-ħtieġa li ssir applikazzjoni ġdida. Il-miżura hija wkoll parti mill-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-Awtorità tad-Djar, li qed inaqqas iż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-ewwel ħlas u jnaqqas il-burokrazija għall-benefiċċjarji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa qal li b’dan il-mekkaniżmu l-ġdid, dawk il-familji jew individwi li jkunu qegħdin jimxu ’l quddiem f’ħajjithom mhux se jitwaqqfilhom il-benefiċċju tal-kera ħesrem.
Minflok, din l-għajnuna finanzjarja ser titnaqqsilhom darbtejn fuq perjodu ta’ sentejn. B’hekk, dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema, ikunu jistgħu javvanzaw ’l quddiem fil-ħajja b’mod sostenibbli u stabbli.
DOI/ Daniel Scicluna