Jitħalla Nofsu Pparalizzat Wara Li Tatu Puplesija… Bosta Jingħaqdu Biex Jgħinuh Jirritorna R-Rumanija   

Bosta bħalissa qed jingħaqdu sabiex juru solidarjetà ma' raġel Rumen ta' 76 sena li waqt li kien f'pajjiżna sofra minn puplesija, u minħabba f'hekk, sfortunatament sfa nofsu pparalizzat.

Fuq il-midja soċjali, il-Knisja Ortodossa Rumena f'Malta spjegat is-sitwazzjoni sfortunata li jinsab fiha Gheorghe Misaila, ir-raġel Rumen. Fissru kif bħalissa hu qed jinżamm f'Mater Dei u jinsab f'qagħda li jista' jiġi rilaxxat.

Wara li tkellmu mal-familjari, jidher li kien hemm qbil li l-aqwa għażla għall-anzjan ta' 76 sena tkun li hu jirritorna r-Rumanija sabiex hemmhekk ikunu jistgħu jieħdu ħsiebu l-familja tiegħu, iżda dan ma jistax iseħħ minħabba problemi finanzjarji.

"It-tobba ssuġġerew ukoll li hu ma jivvjaġax waħdu iżda jkun assistit minn xi ħadd," spjegat il-Knisja Ortodossa Rumena f'Malta li għalhekk appellat għall-għajnuna finanzjarja ta' kulħadd.

F'iżjed dettall fissru kif sabiex dan it-traġitt iseħħ se jkollhom bżonn ikopru l-ispejjeż tat-titjira, tat-trasport, tal-mediċina u ta' xi neċessitajiet oħrajn.

Kulħadd għaldaqstant qiegħed jiġi mistieden sabiex jgħin ħalli Gheorghe jkun jista' jittieħed lura r-Rumanija.

Ritratti:

Facebook / Romanian Orthodox Church – Malta u Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI