Illejla fuq TVM se jkun qed jixxandar esperiment soċjali li seħħ ftit xhur ilu fejn 6 personalitajiet Maltin ġew mistiedna sabiex għal 24 siegħa sħaħ jgħixu taħt l-istess saqaf b'xi sintomu partikolari tal-ALS.
L-esperiment seħħ bil-għan li dawn il-personalitajiet iqanqlu kuxjenza dwar kemm kapaċi tkun kiefra l-kundizzjoni tal-ALS. Apparti minn hekk, permezz ta' din l-isfida, se jkunu qiegħdin jinġabru wkoll il-fondi b'risq DAR Bjorn.
Is-sitt personalitajiet Maltin li ħadu sehem f'dan l-esperiment huma:
- Il-kantanta Miriana Conte li kienet irrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest tal-2025 bil-kanzunetta 'Kant'.
- Jay li s-sena l-oħra kien rebaħ l-ewwel edizzjoni ta' Big Brother Malta.
- Gabriel magħruf bħala 'The Briefcase Man' li sar wiċċ prominenti permezz tal-atti filantropiċi tiegħu.
- Peter Carbonaro li sa ftit żmien ilu kien qed jidher fuq Big Brother Malta bħala opinjonista; apparti minn hekk, hu wkoll magħruf bħala stilista fix-xena lokali.
- Il-Muxu li huwa kantant u awtur bravissimu fix-xena tal-mużika lokali.
Matul l-andament tal-esperiment soċjali, ingħaqad mal-parteċipanti wkoll Henry Galea; artist Malti li kiseb suċċess kbir matul dawn l-aħħar snin barra minn xtutna.
Dan l-esperiment soċjali se jkun qed jixxandar illejla fid-20:45 fuq TVM. Se jkun qed jixxandar proprju ftit sigħat qabel mhu se tkun qiegħda tibda maratona ġbir ta' fondi li DAR Bjorn se jkunu qed iniedu għada, matul il-jum tal-Ħadd.
Intom se ssegwu dan l-esperiment soċjali?
Facebook / DAR Bjorn u Lovin Malta