Is-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow appella lill-pubbliku għall-għajnuna wara li qasam filmat fejn fih jidher raġel jaqla’ ħabbata minn ma’ bieb ta’ residenza.
Fl-appell tiegħu Pillow kiteb, “Jekk xi ħadd jagħraf lil din il-persuna jew għandu xi informazzjoni dwar dan l-inċident, jekk jogħġobkom ikkuntattjawni b’mod privat. Diġà sar rapport mal-Pulizija. Grazzi tal-kooperazzjoni tagħkom.”
Intant, fil-kummenti tal-istess filmat, persuna oħra sostniet li l-istess raġel kien ipprova jisraq mill-ħanut tagħha. Hija qalet li għandha filmati tas-CCTV li juru dak li seħħ u li dak iż-żmien ma kinitx għamlet rapport. Wara li rat il-filmat tas-Sindku jiġi mxerred, iddeċidiet li taqsam ukoll il-filmati tagħha.