Waqt konferenza li indirizza dalgħodu, l-Arċisqof Charles J Scicluna tkellem dwar l-importanza li nippriservaw il-kultura Maltija għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Saħaq dwar l-importanza li t-tfal ma jibqgħux jitqiesu bħaal piż "iżda bħala rigal u barka".
L-Arċisqof sostna wkoll li l-familja jeħtieġ li tkun fiċ-ċentru tal-politika. Filwaqt li rrikonoxxa l-importanza taċ-childcare, fid-diskors tiegħu hu appella sabiex jinħolqu kundizzjonijiet fejn il-ġenituri jistgħu jqattgħu iżjed ħin ma' wliedhom.
"Irridu nagħtu valur ukoll lill-ħidma tal-ġenituri; ġenitur li jibqa' d-dar biex jieħu ħsieb ibnu jew bintu mhux qed jieqaf jaħdem, iżda qed jinvesti fil-futur ta' dak it-tifel, u fil-futur tas-soċjetà," spjega l-Arċisqof Charles J Scicluna.
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika f'Malta tħaddet ukoll dwar l-importanza li bħala poplu ngħożżu l-identità tagħna. Spjega kif matul is-snin il-gżejjer Maltin assorbew influwenzi minn ħafna popli differenti. "Iżda minn dan kollu ħarġet xi ħaġa li tingħaraf bħala Maltija; aħna Mediterranji, iżda fl-istess ħin distinti u uniċi," saħaq l-Arċisqof.
L-Arċisqof sostna wkoll li sabiex dan kollu jseħħ hu integrali li fil-futur ikun hemm "ġenerazzjoni ġdida li tiret dan kollu", u kien hawn fejn semma l-importanza li jinħolqu kundizzjonijiet sabiex ir-rata tat-twelid ta' pajjiżna terġa' tiżdied sostanzjalment. Dan hekk kif pajjiżna għandu l-iżjed rata baxxa ta' fertilità fost l-istati-membri tal-Unjoni Ewropea.
Facebook / L-Arċidjoċesi ta’ Malta