“Nixtieq Nagħti Ġieħ Lil Din Il-Mara Kbira” – Claire McCartin Tiftakar F’Dr Iris Pace U Titlob L-Għajnuna Tal-Pubbliku

Claire McCartin qasmet messaġġ mill-qalb b’tifkira ta’ Dr Iris Pace, edukatriċi li ħalliet impatt fuq diversi ġenerazzjonijiet ta’ studenti u li kieku għadha magħna, illum kienet tagħlaq 92 sena. Claire rrakkontat kif Dr Pace kienet il-kap tal-iskola tagħha fil-Junior College, dak iż-żmien magħruf bħala Gian Franġisk Abela, kif ukoll l-għalliema tagħha tat-Taljan. Maż-żmien, iżda, ir-rabta tagħhom saret waħda ferm aktar personali.

“Maż-żmien, minn Dr Pace saret Aunty Iris,” kitbet Claire. Hija ddeskrivietha bħala mara b’saħħitha, reżiljenti u ddedikata għall-edukazzjoni, li kienet ta’ ispirazzjoni għaliha u għal ħafna oħrajn. F’April li għadda, Claire marret biex iżżurha fid-dar tagħha f’Ħ’Attard, iżda hemmhekk skopriet li Dr Pace kienet mietet f’Novembru ta’ qabel. L-aħbar ħallietha xxukkjata, speċjalment għaliex qalet li ma kienet rat xejn fuq il-midja soċjali dwar il-mewt tagħha u l-kontribut li tat tul ħajjitha.

Minbarra l-karriera tagħha fis-settur edukattiv u bħala għalliema tat-Taljan għal diversi ġenerazzjonijiet, Dr Pace serviet ukoll bħala kunsilliera f’Ħ’Attard. Kieku kienet għadha magħna, Claire qalet li llum kienet żgur teħdilha l-fjuri. Sfortunatament, lanqas taf fejn tinsab midfuna u għalhekk appellat lil kull min għandu din l-informazzjoni biex jikkuntattjaha.

“Nixtieq nagħti ġieħ lil din il-mara kbira llum. Jalla qatt ma tintesa,” temmet tgħid Claire.

Ritratti:

Facebook / Claire McCartin

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI