Il-kantant popolari Malti Kevin Borg qasam mument intimu ħafna mas-segwaċi tiegħu fuq il-midja soċjali, hekk kif ta l-ewwel togħma żgħira mill-proġett mużikali li jmiss tiegħu. Il-kanzunetta ġdida ġġib l-isem sinifikanti ta' OMMI, silta personali ddedikata b'għożża kbira lill-ommu li ħalliet din id-dinja meta Kevin kellu biss sittax -il sena.
Fil-messaġġ tiegħu, Kevin spjega li l-kanzunetta mistennija toħroġ uffiċjalment minn hawn u ftit tal-jiem oħra, filwaqt li bħalissa jinsab għaddej b'ħidma intensiva fuq il-produzzjoni tal-filmat mużikali tagħha. Il-kantant ma ħebiex l-uġigħ u n-nostalġija li jħoss kuljum għat-telfa ta' ommu, fejn stqarr b'sinċerità kbira: "f'dawn il-ġranet nixtieq li kieku naraha imqar għall-sekonda sabiex ngħannaqha waħda kbira."
Kevin tenna wkoll li dan il-proġett mhuwiex biss għalih, iżda huwa maħsub biex iservi ta' wens u dedika speċjali għal kull min għadda mill-istess esperjenza iebsa u llum iġorr il-memorja ta' ommu f'qalbu. Is-segwaċi minnufih urew l-appoġġ kbir tagħhom b'kummenti mimlija mħabba u inkoraġġament għal din il-kanzunetta kommoventi.
Facebook/Kevin Borg