“Kultant Nagħmlu Xogħolna Miksijin Bl-Għalf Tal-Annimali” – It-Tabib Michael Spiteri Dwar Ir-Realtà Tat-Timijiet Tal-Emerġenza

Ix-xogħol tal-professjonisti tal-emerġenza mhux dejjem isir fl-ambjent li wieħed normalment jassoċja mal-mediċina. It-tabib tal-emerġenza Michael Spiteri qasam esperjenza partikolari li turi proprju dan, wara intervent diffiċli li ħalla lit-tim involut miksi minn rasu sa saqajh bl-għalf tat-tiġieġ.

Spiteri rrakkonta kif it-tim li kien qed jagħti l-assistenza barra mill-isptar wasal fil-kamra fejn jingħata trattament urġenti lill-pazjenti f’kundizzjoni kritika, miksi kollu bl-għalf tat-tiġieġ wara operazzjoni diffiċli biex persuna tinħareġ minn fejn kienet maqbuda.

“Meta t-tim pre-hospital tiegħek jidħol fil-kamra miksi minn rasu sa saqajh bl-għalf tat-tiġieġ wara extrication diffiċli… u t-tim kollu tat-trauma jagħtik dik il-ħarsa,” kiteb Spiteri b’daqsxejn ta’ umoriżmu dwar ix-xena mhux tas-soltu. Iżda wara l-mument umoristiku kien hemm messaġġ importanti dwar ir-realtà tax-xogħol tal-professjonisti li jaħdmu fl-emerġenza u l-kundizzjonijiet differenti li xi drabi jkollhom jaffaċċjaw.

“Xi nies jipprattikaw il-mediċina taħt l-arja kundizzjonata, b’mużika klassika tindaqq bil-mod fl-isfond. Aħna kultant nagħmluha miksijin bl-għalf tal-annimali,” kiteb. Minkejja l-ambjent u ċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu, Spiteri saħaq li l-istandards u l-impenn tat-timijiet kollha involuti fil-kura tal-pazjent jibqgħu dejjem l-istess.

Kemm jekk ix-xogħol ikun qed isir f’kamra tal-emerġenza, fit-triq, f’għalqa, f’fabbrika tal-ikel tal-annimali jew f’sala tal-operazzjonijiet, għal Spiteri l-prinċipju jibqa’ wieħed: mediċina tajba tibqa’ mediċina tajba. “Hu x’inhu l-post jew iċ-ċirkostanzi, l-għan jibqa’ eżattament l-istess: kulħadd jagħmel l-aħjar li jista’ għall-pazjenti tagħna,” sostna.

It-tabib temm il-messaġġ tiegħu billi feraħ lit-timijiet kollha involuti fil-ħidma, f’esperjenza li turi li wara l-bibien tal-emerġenza jkun hemm professjonisti li kultant ikollhom jaħdmu fl-aktar ambjenti mhux mistennija, iżda dejjem bl-istess impenn lejn il-pazjent.

Ritratti:

Facebook / Michael Spiteri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI