Is-Sindku ta’ Birkirkara, Desirei Grech, esprimiet il-frustrazzjoni tagħha dwar xeni ta’ skart li qed ikomplu jidhru fit-toroq tal-lokalità, minkejja s-servizzi offruti mill-Kunsill Lokali. F’messaġġ dirett lir-residenti, Grech semmiet diversi problemi li qed jiltaqgħu magħhom, fosthom boroż taż-żibel li jinħarġu fil-ġranet ħżiena, skart goff li jitħalla barra mingħajr booking u skart ieħor li jintrema f’postijiet mhux suppost.
“Għajjejna naraw dawn ix-xeni fit-toroq tagħna,” kitbet is-Sindku, filwaqt li fakkret li s-servizz tal-ġbir tal-iskart goff offrut mill-Kunsill huwa kompletament b’xejn. “Kemm tagħmel telefonata, tibbukkja u jiġi miġbur. Tistgħu anka tkellmu lili dirett! Għalhekk diffiċli nifhem għaliex għadna naraw xeni bħal dawn,” sostniet.
Grech iżda għamlitha ċara li mhux se tieqaf biss milli tikkritika s-sitwazzjoni. Hija qalet li bħalissa qed taħdem biex is-servizz tal-ġbir tal-iskart goff jitjieb, filwaqt li qed tħares ukoll lejn l-introduzzjoni ta’ sistema online li għandha tagħmel il-proċess tal-booking aktar sempliċi u effiċjenti.
Is-Sindku żvelat ukoll li qed issegwi personalment il-preparamenti biex ikun hemm Uffiċjali Pajżana fit-toroq ta’ Birkirkara. Dan għandu jwassal għal aktar kontroll fuq ir-rimi illegali tal-iskart u, fejn ikun meħtieġ, għal azzjoni u ċitazzjonijiet skont il-liġi. “Jien se nibqa’ nagħmel pressjoni biex il-Kunsill jagħti servizz aħjar u jkun hemm aktar infurzar. Imma rridu nkunu ċari wkoll: il-Kunsill waħdu ma jistax iżomm Birkirkara nadifa jekk kulħadd ma jagħmilx il-parti tiegħu,” kompliet Grech.
Hija għalqet il-messaġġ tagħha b’appell għar-responsabbiltà u r-rispett lejn il-lokalità. “Ftit rispett lejn il-lokalità tagħna ma jiswa xejn. Birkirkara hija tagħna lkoll. Għalhekk ejjew nieħdu ħsiebha flimkien!”
Facebook / Desirei Grech