“Tħallux Għall-Aħħar Minuta” – Mid-Djarju Tat-Timba Bi Twissija Għall-Jiem Li Ġejjin

Mid-Djarju tat-Timba qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jibda jipprepara minn issa għal possibbiltà ta’ temp instabbli lejn tmiem din il-ġimgħa u l-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. Fl-aħħar aġġornament tiegħu dwar it-temp, huwa appella biex dawk ix-xogħlijiet li jistgħu jgħinu fil-każ ta’ xita ma jitħallewx għall-aħħar minuta.

“Ibdew aħsbu biex tnaddfu l-ispralli, kanali, swieqi għal bjar u ġwiebi minn issa bil-mod ħalli ma tagħmlux xogħol mgħaġġel fl-aħħar minuta,” kiteb. Huwa spjega li, skont dak li qed jidher bħalissa, “hemm ċans tajjeb” lejn tmiem din il-ġimgħa u l-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. Għaldaqstant, il-parir tiegħu hu li l-preparamenti meħtieġa jibdew minn qabel aktar milli wieħed jistenna sakemm it-temp ikun fuqna.

Għal-lum, madankollu, it-temp mistenni jkun fil-biċċa l-kbira xemxi, b’xi sħab aktar tard matul il-ġurnata, filwaqt li matul il-lejl it-temp mistenni jibqa’ sabiħ. It-temperatura massima mistennija tilħaq it-32°C, filwaqt li l-inqas tinżel għal madwar 24°C. It-temperatura tal-baħar tinsab madwar 29°C, l-umdità tlaħħaq it-88% u l-pressjoni tal-arja hija ta’ 1014 mBar. Ir-riħ mistenni jkun ħafif sa sirda soda mil-Lbiċ.

Intant, il-parir għal dawk li għandhom spralli, kanali, bjar jew ġwiebi huwa ċar, aħjar tibda tipprepara minn issa milli tħalli kollox għall-aħħar minuta.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI