Althea Galea, voluntiera u parti mill-organizzazzjoni Vuċi għall-annimali, qasmet messaġġ li jolqot il-qalb dwar realtà li għadha teżisti fostna: klieb li jispiċċaw abbandunati fit-toroq.
“Possibbli qegħdin fl-2026 u għad hawn min jitfa’ l-klieb barra?” staqsiet Althea, b’diżappunt quddiem din ir-realtà. U wara mistoqsija bħal din, tiġi waħda oħra li tħalli ħafna jaħsbu: “X’qalb irid ikollok?”
Fil-messaġġ tagħha, Althea appellat lil kull min qed jikkunsidra li jdaħħal kelb f’ħajtu biex ma jieħux deċiżjoni bl-għaġla. Il-kelb mhuwiex sempliċiment annimal li nistgħu nġibu d-dar u, meta l-affarijiet isiru diffiċli, inħalluh barra.
Hija talbet biex wieħed jaħsibha darbtejn, u jekk ikun hemm bżonn, anke sitt darbiet, qabel jieħu din ir-responsabbiltà, għax wara kull kelb hemm qalb, fiduċja u ħajja li tiddependi minna. Fil-fatt, ħadd ma jixraqlu li jiġi abbandunat!
<Facebook/Althea Galea