Il-kunsilliera lokali tal-Birgu Rianne Cini, bint Keith Demicoli u l-attriċi Charmaine Cini, fetħet qalbha dwar esperjenza diffiċli ħafna li għaddiet minnha meta kellha 16-il sena. Rianne spjegat li dak iż-żmien kienet qed tiffaċċja trawma minn tfulitha u diversi problemi ta’ saħħa mentali. Minkejja li minn barra kienet tidher li kollox kien normali, minn ġewwa kienet qed tbati ħafna.
“Kien hemm ġranet meta ma kellix saħħa ninħasel, ġranet meta ma kontx niekol, meta ma kontx kapaċi noħroġ mill-bieb ta’ barra jew immur l-iskola. Kien hemm ġranet meta sempliċement li neżisti kien iħossni għajjiena,” irrakkontat. Rianne żvelat li waslet f’punt fejn ippruvat ittemm ħajjitha. “F’sekonda waħda seta’ spiċċa kollox. Imma ommi salvatni.” Minn hemm ’il quddiem, tgħid li l-appoġġ ta’ ommha, in-nanniet tagħha u missierha tar-rispett kien imprezzabbli.
Snin wara, Rianne tħares lura lejn dik it-tfajla ta’ 16-il sena minn perspettiva kompletament differenti. “Illum inħossni grata immens li nista’ nħares lura u ngħid, ‘Ara Rianne... irnexxielek.’” Illum Rianne mhux biss kompliet miexja ’l quddiem, iżda saret infermiera u qed tiddedika xogħolha biex tgħin u ssalva l-ħajjiet ta’ ħaddieħor.
“Jien kburija ħafna bija nnifsi,” kitbet, filwaqt li temmet b’messaġġ ta’ tama lil kull min bħalissa jinsab għaddej minn żmien diffiċli: “L-istorja tiegħek m’għandhiex għalfejn tispiċċa fejn jibda l-uġigħ tiegħek. Ibqa’ miexi. Fuq in-naħa l-oħra ta’ dan kollu hemm verżjoni tiegħek li għadek ma ltqajtx magħha.”
Facebook / Rianne Cini