Ġest mill-isbaħ minn Emily u missierha wassal għal messaġġ ta’ ringrazzjament minn DAR Bjorn, li qasmet l-istorja tagħhom fuq il-mezzi soċjali. Emily dan l-aħħar iċċelebrat għeluq sninha, iżda minflok żammet il-flus li rċeviet bħala rigal, iddeċidiet li tagħtihom bħala donazzjoni lil DAR Bjorn.
“Emily iċċelebrat għeluq sninha, u minflok żammet il-flus li qalgħet, tat donazzjoni lil DAR Bjorn,” kitbu. Iżda l-ġenerożità fil-familja ma waqfitx hemm. Missier Emily, li jaħdem mal-MITA, kien qed jagħti daqqa t’id waqt il-maratona ta’ DAR Bjorn u, wara li għamel donazzjoni, irnexxielu jirbaħ iPhone.
Minflok żammu għalih, iddeċieda li jbigħu u jagħti lil DAR Bjorn il-flus kollha li daħħal mill-bejgħ tiegħu. “Familja b’qalb tajba ħafna, grazzi!” temmew jgħidu DAR Bjorn. Żewġ ġesti sbieħ mill-istess familja li juru kif anke okkażjonijiet personali jistgħu jinbidlu f’opportunità biex tingħata għajnuna lil ħaddieħor.
Facebook / DAR Bjorn