Bjorn Formosa, il-moħħ wara DAR Bjorn, kiteb messaġġ emozzjonali fuq il-paġna tiegħu, iddedikat lil Keith Carabott, li ħalliena ftit tas-sigħat ilu. Keith kien beda jgħix f’DAR Bjorn wara li kellu tliet puplesiji li biddlulu ħajtu għal dejjem.
“Keith, int ġejt f’DAR Bjorn wara li ħajtek inbidlet kompletament meta kellek biss tmintax-il sena. Tliet puplesiji biddlulek ħajtek f’temp ta’ ftit jiem imma qatt ma biddlu min int għall-persuni li jħobbuk. F’DAR Bjorn segwejna l-vjaġġ tiegħek mill-qrib. Kull moviment żgħir kien importanti. Il-familja tiegħek ma waqfux jemmnu fik, u lanqas aħna.”
“DAR Bjorn saret darek, u int sirt parti mill-familja tagħna. L-istorja tiegħek fakkritni għalxiex bdejt dan il-post, ħalli meta l-ħajja ta’ xi ħadd tinbidel minn lejl għal nhar, huma u l-familja tagħhom ma jkollhomx bżonn jaffaċjaw dak li jiġi wara, waħedhom. Se niftakar il-kuraġġ tiegħek, iżda iżjed minn hekk, se niftakar l-imħabba li dejjem kienet madwarek. Dejjem se jkollok post f’DAR Bjorn. Strieħ fis-sliem, Keith.”
Facebook / Bjorn Formosa