Illum Malta tieqaf għal ftit biex tfakkar mument importanti fl-istorja tagħha. Jum l-Indipendenza mhuwiex biss data fuq il-kalendarju, iżda jum li jfakkarna fil-vjaġġ li għadda minnu pajjiżna u, fuq kollox, f’dak li jagħmilna Maltin.
62 sena ilu, Malta bdiet tgħix kapitlu ġdid fl-istorja tagħha, hekk kif fil-21 ta' Settembru 1964, Malta saret nazzjon indipendenti. B'hekk, dan hu jum ta’ tifkira, ta’ gratitudni u ta’ tama. Jum li fih niftakru f’dawk li għexu żminijiet differenti, f’familji li għaddew minn ħafna sfidi u f’ġenerazzjonijiet li ħadmu biex bnew lil Malta li nafu llum.
Mill-irħula ż-żgħar sal-ibliet tagħna, mill-knejjes u l-pjazez sal-baħar li jdawwarna, hemm storja f’kull rokna ta’ din il-gżira. Hemm tifkiriet, tradizzjonijiet, vuċijiet u stejjer li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra, u forsi l-isbaħ ħaġa hi, li minkejja d-differenzi kollha tagħna, hemm identità waħda li tgħaqqadna u tiddistingwina minn nazzjonijiet oħra — dik l-identità unika li biha, b’kburija, nissejħu Maltin.
Għalhekk, f’dan il-Jum tal-Indipendenza, ejjew napprezzaw dak li writna u nibqgħu ngħożżu l-art li xi darba rbaħna m'għand l-għadu, kif ukoll niftakru f'dawk li xerrdu demmhom biex sirna nazzjon indipendenti.