Birkirkara qed issellem lil Johnny Ta’ Patist, persuna magħrufa għall-imħabba kbira li kellu lejn il-fotografija u lejn raħal twelidu.
Fi kliem emozzjonanti, il-Membru Parlamentari, Yana Borg Debono Grech, sellmet lil Johnny, filwaqt li faħħret il-passjoni kbira tiegħu lejn il-fotografija u l-imħabba li kellu lejn Birkirkara. Hija saħqet ukoll, li dawn il-valuri għadhom jidhru llum f’uliedu.
Tul is-snin, Johnny bena kollezzjoni vasta ta’ ritratti li fiha baqgħet minquxa parti importanti mill-istorja Karkariża. Kien wiċċ magħruf f’ħafna mill-attivitajiet tal-komunità, mill-festi u l-għaqdiet lokali, sal-mumenti speċjali li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra.
Permezz tal-lenti tiegħu, Johnny ma kienx sempliċiment jieħu ritratti, iżda kien qed iżomm ħajjin tradizzjonijiet, nies u mumenti li llum saru parti mill-memorja kollettiva ta’ Birkirkara.
It-Tim ta' Gwida.mt jixtieq ukoll isellem il-memorja tiegħu u jagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha!
Facebook/Yana Borg Debono Grech