Jekk xi drabi tħossok mitluf quddiem l-apps, il-logħob u t-trends li wliedek jitkellmu dwarhom, ħallini ngħidlek ħaġa: dak li qed tħoss huwa normali ħafna. Kull ġimgħa nitkellem ma' ġenituri li jgħiduli, "Ma nafx minn fejn nibda." Ħafna minna kbirna f'dinja differenti għal kollox, u issa qed niggwidaw lil uliedna f'post li aħna stess għadna qed nitgħallmu.
M'għandekx bżonn tkun espert fit-teknoloġija biex tkun ġenitur tajjeb online. Għandek bżonn dak li diġà tagħti kuljum: il-preżenza, il-paċenzja u l-imħabba. Hawn taħt ħa ssib xi ftit ideat prattiċi!
1. Poġġi l-iskrin fi spazju komuni.
Huwa aħjar li t-tfal jużaw skrin kondiviż tal-familja f'post fejn tkunu flimkien, bħas-salott jew il-kċina, milli mowbajl jew tablet privat fil-kamra tagħhom. B'hekk ikun iktar faċli tara x'qed jagħmlu u d-dinja online issir xi ħaġa li taqsmu flimkien, mhux xi ħaġa li jgħaddu minnha waħedhom.
2. Ħares lejn il-ħin, imma wkoll lejn il-kontenut.
Iktar ma jqattgħu ħin online, iktar jogħlew ir-riskji li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Imma l-kwantità mhijiex l-unika ħaġa li tgħodd. Moħħ it-tfal huwa bħal sponża: dak li jaraw u dak li jinteraġixxu miegħu, jista' jinfluwenza l-imġiba u l-emozzjonijiet tagħhom, ħafna drabi mingħajr ma jkunu konxji minnu. Video li jidher innoċenti, influencer li jippromwovi ċertu stil ta' ħajja, jew logħba li tippremja l-aggressjoni jistgħu, maż-żmien, jibdlu kif jaħsbu dwarhom infushom u dwar ħaddieħor. Għalhekk, staqsi mhux biss "kemm?", imma wkoll "x'qed jaraw u kif qed iħossuhom?"
3. Ibda mill-kurżità, mhux mill-biża'.
Staqsi lil uliedek x'jogħġobhom online, u itlobhom jgħallmuk il-logħba favorita tagħhom.

4. Għidilhom li jistgħu jiġu għandek.
Ħafna tfal ma jitkellmux meta jiġrilhom xi ħaġa online għax jibżgħu li jittieħdilhom l-apparat. Għidilhom b'mod ċar li l-ewwel ħaġa li se tagħmel hija li tismagħhom u tgħinhom. Anke jekk tħossok irrabjat jew inkwetat, ipprova żomm il-kalma. Ir-reazzjoni tiegħek illum tiddeċiedi jekk jiġux għandek għada.
5. Aqblu dwar ftit regoli u uża l-għodod b'mod miftuħ.
Pereżempju, l-ebda skrin mal-mejda jew fil-kamra tas-sodda bil-lejl. Il-kontrolli tal-ġenituri jgħinu wkoll, l-aħjar meta wliedek ikunu jafu x'qed tagħmel u għaliex.
6. Kun il-mudell li tixtieq tara.
It-tfal jinnutaw kif nużaw aħna l-mowbajl. Anke ftit ħin mingħajr skrin flimkien jibgħat messaġġ qawwi.
U jekk xi darba ma tirreaġixxix kif xtaqt, tkunx iebes wisq miegħek innifsek. L-ebda ġenitur ma jagħmel kollox perfett. Dak li jgħodd huwa li terġa' tibda, li titkellem u li żżomm il-bieb miftuħ. Fl-aħħar mill-aħħar, uliedek ma għandhomx bżonn ġenitur li jaf kull app. Għandhom bżonn ġenitur li jafu li jistgħu jiġu għandu, tkun xi tkun is-sitwazzjoni. U dan, diġà qiegħed tagħtih.
Sibuna fuq besmartonline.info jew fuq Facebook u jekk għandek bżonn għajnuna jew parir, ċempel fuq 179. BeSmartOnline! huwa servizz operat mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS).
Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom minn Davinia Marie Muscat. Davinia Marie Muscat hija l-Leader u Koordinatriċi taċ-Ċentru Nazzjonali għal Internet Aktar Sigur, BeSmartOnline!, fejn taħdem biex tqajjem aktar għarfien dwar l-użu sigur u responsabbli tal-internet, b’mod partikolari fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji tagħhom.