Il-vjolenza domestika hija realtà kumplessa u għal persuna li tkun qed tgħix f’din is-sitwazzjoni, id-deċiżjoni li titlob l-għajnuna, tagħmel rapport jew titlaq minn relazzjoni abbużiva mhux dejjem tkun waħda faċli.
F’intervista ma’ Gwida, Ruth Sciberras, Chairperson tal-MARAM u social worker bi 30 sena esperjenza fil-qasam soċjali, tkellmet dwar il-ħidma li qed issir biex vittmi tal-vjolenza domestika u l-familji tagħhom jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu. Sciberras spjegat li l-MARAM huwa tim multidixxiplinarju li jiġbor flimkien professjonisti differenti li jaħdmu fis-settur tal-vjolenza domestika, b’attenzjoni partikolari fuq każijiet meqjusa ta’ riskju għoli.
“Fil-MARAM, aħna naraw il-high-risk cases u hemmhekk aħna ninfurmaw ruħna biex ngħinu lill-vittmi u l-familji tagħhom biex kemm jista’ jkun joħorġu mill-vjolenza domestika,” spjegat. Il-MARAM beda madwar tliet snin ilu, wara l-inkjesta li saret b’rabta mal-femiċidju ta’ Bernice Cilia. Fost ir-rakkomandazzjonijiet kien hemm it-twaqqif ta’ dan il-mekkaniżmu, biex professjonisti minn oqsma differenti jkunu jistgħu jiltaqgħu u jevalwaw każijiet fejn ikun hemm riskju serju li l-vjolenza tkompli teskala, inkluż il-possibbiltà ta’ femiċidju.
Iżda l-ħidma tal-MARAM ma tiffokax biss fuq il-vittma. “Bħala MARAM, aħna rridu naraw mhux biss il-vittma imma anke min qed jabbuża, it-tfal ukoll u allura nippruvaw ngħinu lit-tlieta li huma,” qalet Sciberras. Matul l-intervista, hija tkellmet ukoll dwar mistoqsijiet li spiss isiru meta persuna tibqa’ f’relazzjoni abbużiva, terġa’ lura d-dar jew ma tagħmilx rapport lill-pulizija.
“Xi kultant wieħed jikkummenta jew jgħid, ‘Imma, per eżempju, għax ħafritlu? Għax m’għamlitx rapport lill-pulizija?’” qalet. Il-professjonisti, spjegat, ikunu konxji mill-kumplessità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u mill-possibbiltà li vittma terġa’ tersaq għandhom għall-għajnuna. Sciberras indirizzat ukoll il-fiduċja fis-servizzi. Filwaqt li rrikonoxxiet li s-sistemi mhux dejjem ikunu perfetti, qalet li meta wara każ partikolari kulħadd jibda’ jipponta subgħajh lejn is-sistemi differenti, dan jista’ jiskoraġġixxi lil persuni oħra milli jfittxu l-għajnuna.
“Xejn mhu ħa jinbidel jekk inti ma tersaqx għall-għajnuna. Jekk inti qed tgħix fil-biża’, fil-biża’ ħa tibqa’,” sostniet. Hija fakkret ukoll li jeżistu programmi għal dawk li jabbużaw, biex dawn jieħdu responsabbiltà għall-aġir tagħhom u jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Wara tliet deċennji ta’ ħidma fil-qasam soċjali, Sciberras riedet twassal messaġġ ċar lil kull min jista’ jkun għaddej minn vjolenza domestika. “Nassigura lin-nies hemm barra li hemm ħafna u ħafna professjonisti li jaħdmu mill-qalb, b’passjoni, lesti biex jgħinuhom, ma jiġġudikawx,” qalet. Hija fakkret fil-hubs f’Santa Luċija, fl-Imtarfa u fir-Rabat, Għawdex, fejn il-vittmi jistgħu jsibu pulizija, assessuri u social workers lesti biex joffru l-għajnuna u jieħdu r-rapport tagħhom.
L-appell tagħha huwa biex dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika ma jibqgħux waħedhom fil-biża’, iżda jagħmlu l-ewwel pass u jfittxu l-għajnuna disponibbli.
Facebook / Ruth Sciberras