Il-hairstylist u artista Maltija Vanusia Mifsud ħalliet il-marka tagħha fix-xena internazzjonali tal-moda wara li ppreżentat l-aħħar kollezzjoni tagħha waqt in-New York Fashion Week. Dak li jagħmel din il-kollezzjoni aktar partikolari huwa l-fatt li nħolqot kompletament minn extensions ta’ xagħar sintetiku.

Vanusia, hairstylist professjonali u rebbieħa għal tliet darbiet fil-Malta Fashion Awards, għamlet id-debutt tagħha bħala disinjatriċi tal-moda waqt il-Malta Fashion Week 2025. Dakinhar, għall-ewwel darba, ippreżentat kollezzjoni li fiha użat xagħar sintetiku bħala materjal artistiku fil-ħolqien tal-ilbies.
Ir-rispons pożittiv li rċeviet din il-kollezzjoni wassalha biex tkompli tiżviluppa l-kunċett u tirritorna bit-tieni kollezzjoni waqt il-Malta Fashion Week f’Lulju 2026. Kienet proprju din it-tieni preżentazzjoni li ġibdet attenzjoni internazzjonali u eventwalment fetħitilha l-bieb biex tesebixxi xogħolha fi New York.

Waqt in-New York Fashion Week, Vanusia ppreżentat il-kollezzjoni tagħha waqt Prime Time, fejn il-catwalk tradizzjonali nbidel fi produzzjoni artistika sħiħa li għaqqdet flimkien il-moda, l-arti u l-identità Maltija. Din id-darba, il-preżentazzjoni ħadet direzzjoni aktar elaborata, hekk kif bdiet b’film introduttorju maħluq apposta biex jiċċelebra l-wirt arkeoloġiku straordinarju ta’ Malta. Permezz ta’ xbihat ta’ siti u artefatti arkeoloġiċi Maltin, il-produzzjoni fakkret li l-istorja artistika u kulturali ta’ pajjiżna tmur lura eluf ta’ snin.
Il-produzzjoni kellha wkoll dimensjoni internazzjonali permezz tal-vuċi tal-artist Ingliż Christopher Kent, li l-vuċi tiegħu ntużat f’produzzjonijiet marbuta ma’ films internazzjonali kbar, fosthom James Bond u The King’s Speech. Il-film introduttorju, kif ukoll il-produzzjoni u d-direzzjoni kreattiva tal-ispettaklu, kienu f’idejn Adrian J. Mizzi, il-produttur tal-Malta Fashion Week, filwaqt li Elaine Galea kienet responsabbli mill-koordinazzjoni wara l-kwinti.

Permezz tal-kollezzjoni tagħha, Vanusia wriet kif materjal li normalment jiġi assoċjat mal-hairstyling jista’ jinbidel f’biċċiet artistiċi, skulturali u li jistgħu jintlibsu. Il-mument finali tal-preżentazzjoni ra lil Vanusia stess titla’ fuq il-catwalk fost l-applaws tal-udjenza. Hija libset kreazzjoni artistika li tinkorpora s-salib bi tmien ponot assoċjat ma’ Malta, magħmula mill-istess xagħar sintetiku li ntuża fil-kumplament tal-kollezzjoni.
Dan il-mument għalaq preżentazzjoni li marret lil hinn mill-ħila fil-hairstyling, u li minflok għaqqdet flimkien il-moda, l-arti, l-identità u l-wirt kulturali Malti fuq palk internazzjonali. Il-parteċipazzjoni ta’ Vanusia kienet parzjalment appoġġjata minn VisitMalta u Heritage Malta.

Facebook / Vanusia Mifsud Vella