L-Ewwel Horizon Beer Festival Se Jittella’ Fiż-Żurrieq B’Risq Hospice Malta

Bejn id-9 u l-11 ta’ Ottubru, Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq se jinbidel f’post mimli mużika, divertiment, ikel u xorb hekk kif għall-ewwel darba se jittella’ l-Horizon Beer Festival. Id-dħul għal dan l-avveniment se jkun kompletament b’xejn, filwaqt li dawk kollha li jattendu se jkunu mħeġġa jagħtu donazzjoni volontarja b’risq Hospice Malta. Il-festival qed jiġi organizzat mill-grupp volontarju Minn Qalb iż-Żrieraq, li għal darb’oħra qed jgħaqqad id-divertiment ma’ kawża nobbli.

Minkejja l-isem, il-Horizon Beer Festival mhux se jkun biss għal dawk li jħobbu l-birra! Minbarra għażla ta’ birer lokali u internazzjonali, se jkun hemm ukoll inbid, xorb ieħor u diversi għażliet ta’ ikel. Tul it-tlett ijiem, dawk preżenti se jkunu jistgħu jgawdu mużika minn Karin Duff and Band, Nebula Band, Tikka Banda u Ozzy Lino, kif ukoll settijiet mid-DJs Carlo Gerada, Luca Lorenzo, Ziggy u Charmaine.

Il-programm se joffri wkoll għadd ta’ attivitajiet differenti fosthom Music Bingo ma’ The Tipsy Boyz, Zumba, Bingo, Sip & Paint, Boots & Beats u xow tal-karozzi. Lanqas it-tfal mhu se jitħallew barra, hekk kif se jkun hemm żona apposta għalihom, sessjoni ta’ rakkont u attivitajiet organizzati minn Ambjent Malta. Minn Qalb iż-Żrieraq diġà huwa magħruf għall-attività annwali tiegħu fi żmien il-Milied, li matulha l-komunità tingħaqad għal tlett ijiem ta’ ikel, xorb, mużika u divertiment filwaqt li jinġabru fondi għal kawża ġusta.

Issa, bil-Horizon Beer Festival, il-grupp qed iwessa’ din il-ħidma b’avveniment ġdid li għandu l-għan li jiġbor flimkien lill-familji u lill-ħbieb f’atmosfera ta’ divertiment, filwaqt li jgħin lil Hospice Malta. Il-Horizon Beer Festival se jsir bejn id-9 u l-11 ta’ Ottubru fi Ġnien il-Ġibjun, iż-Żurrieq, bid-dħul ikun b’xejn.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI