Wara vjaġġ mimli mumenti sbieħ, tbissim u tant memorji, wasal iż-żmien li Bottegin Annunzjata tgħid addijo lill-klijenti tagħha.
Fi kliem mimli emozzjoni, it-tim qal, li għalkemm l-avventura tagħhom waslet fi tmiemha, meta jħarsu lura lejn kull persuna li qatt għaddiet mill-bibien tagħhom, qalbhom timtela mimlija gratitudni u mħabba. Għalihom, Bottegin Annunzjata qatt ma kienet sempliċement xogħol, iżda post fejn setgħu jkunu parti minn mumenti verament speċjali fil-ħajja tan-nies.
Minn għeluq is-snin u magħmudijiet, għal tqarbin, konfirmazzjonijiet, għerusija u ċelebrazzjonijiet oħra, huma kellhom l-unur li jkunu parti minn tant okkażjonijiet importanti. L-aktar ħaġa sabiħa hi, li din mhijiex addijo għal kollox. It-tim se jkompli l-ħidma tiegħu f’Balzan Football Club, ftit passi ’l bogħod, fejn se jibqa’ jservi l-pizza u aktar ikel.
“Grazzi talli kontu parti mill-vjaġġ tagħna,” qalu, filwaqt li saħqu li ħafna mill-klijenti saru ħbieb, u wħud saħansitra jikkunsidrawhom bħala familja.
It-Tim ta' Gwida.mt jifirħilhom l-isbaħ xewqat għal futur tagħhom u jirringrazzjahom ta' xogħolhom u d-dedikazzjoni li wrew ma' kull klijent.
Facebook/Bottegin Annunzjata