Jidher li t-talent mużikali jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra! Krista Maraya, bint il-kantanta lokali Eleanor Cassar u l-mużiċist Carl Matthew Camilleri jidher li wirtet il-passjoni u t-talent għall-kant mingħand ommha, hekk kif fl-ewwel festival tal-kant li ħadet sehem fih irnexxielha tikseb suċċess mill-isbaħ.
Krista mhux biss rebħet l-ewwel post, iżda kisbet ukoll il-premju għall-Aqwa Vuċi u l-Grand Prix bħala r-rebbieħa assoluta tal-festival. Tliet unuri li żgur jimlew bil-kburija lill-familja tagħha! Kienet Eleanor stess li qasmet din l-aħbar sabiħa fuq il-mezzi soċjali, fejn esprimiet il-ferħ tagħha għal dak li rnexxielha tikseb bintha.
"Din hija l-ħaġa li xtaqt u ħlomt għaliha, Krista! Aħna dejjem se nkunu hemm biex nappoġġjawk f'kull pass tal-vjaġġ tiegħek," kitbet Eleanor fil-messaġġ tagħha. Il-kantanta rringrazzjat ukoll lil Alla għat-talent naturali ta' bintha, li ddeskriviet bħala barka għall-familja kollha. Hija ħeġġitha biex tkompli taħdem, tikber u timmatura sabiex twettaq il-ħolm tagħha.
Għal Eleanor, li tul is-snin għamlet isem fix-xena mużikali Maltija, żgur li huwa mument speċjali li tara lil bintha tibda l-vjaġġ tagħha fil-kant b'dan il-mod. Min jaf jekk Krista Maraya hux se timxi fuq il-passi ta' ommha u fil-futur narawha tkompli tispikka fix-xena mużikali lokali?
Prosit kbira, Krista! Bidu tassew promettenti!
Facebook / Eleanor Cassar