Sarah Bajada Tfakkar Fl-Importanza Li Nagħtu Lit-Tfal Tfulija Mimlija Memorji Sbieħ

Hemm memorji sempliċi li jibqgħu mnaqqxa f’qalbna għal dejjem, u għal Sarah Bajada, il-Ħdud kienu jfissru ħarġiet żgħar għall-mixi flimkien ma’ binha, Sam.

Is-sieħba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, iddeċidiet li terġa’ tgħix dawn il-mumenti sbieħ, u permezz ta’ kitba tagħha qasmet riflessjoni importanti dwar it-tfulija tat-tfal tal-lum. FIl-fatt, staqsiet, jekk it-tfal humiex qed jintrabtu wisq mal-iskrins, forsi għax mhux qed noffrulhom biżżejjed opportunitajiet biex jiċċaqilqu, jesploraw u jgawdu l-ġmiel tan-natura.

Hija saħqet ukoll, fuq kemm hu importanti li nrabbu t-tfal aktar attivi u b’saħħithom, mhux biss fiżikament, iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa mentali tagħhom. Bħala ġenituri, tgħid li għandna r-responsabbiltà li noħolqu aktar spazji u opportunitajiet fejn it-tfal ikunu jistgħu sempliċement ikunu tfal, mingħajr il-ħtieġa ta’ stimulazzjoni kontinwa mill-iskrins.

Bħalma ħafna jafu, it-tfulija sabiħa mhijiex biss dwar ikel tajjeb u nutrizzjoni. Hija wkoll dwar il-moviment, l-arja friska, il-ħin ta’ kwalità flimkien u dawk il-memorji li jibqgħu magħna tul ħajjitna kollha.

Forsi kultant, l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lit-tfal tagħna huwa l-aktar wieħed sempliċi: noħorġu magħhom, nesploraw id-dinja u noħolqu memorji li xi darba huma wkoll iħarsu lura lejhom bi tbissima.

Ritratt:

Facebook/Sarah Bajada

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI