Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità tad-Djar, li ġie ċċelebrat nhar il-Ħadd 11 ta’ Ottubru, ġew imnedija ħames bolol kommemorattivi b’kollaborazzjoni mal-MaltaPost. Il-bolol juru ħames xogħlijiet artistiċi magħżula mill-wirja Malta’s Urban and Social Spaces, li bħalissa qed tittella’ fl-Istitut Kulturali Taljan fil-Belt Valletta. Din il-wirja tinkludi 34 xogħol artistiku li jesploraw ir-rabta bejn l-akkomodazzjoni, il-komunitajiet u l-ħajja tan-nies.

Permezz ta’ dawn il-bolol, ix-xogħlijiet magħżula se jilħqu udjenza usa’ u jsiru parti mill-istorja postali Maltija, filwaqt li jservu bħala tifkira ta’ dan l-anniversarju importanti. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, spjega li din l-inizjattiva tgħaqqad l-arti, il-kultura u l-istorja tal-akkomodazzjoni f’Malta, filwaqt li tenfasizza l-importanza tad-djar fil-ħajja tal-familji u l-komunitajiet.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, sostna li l-arti u l-akkomodazzjoni, minkejja li jidhru differenti, it-tnejn jirriflettu r-realtajiet tan-nies u l-ambjenti li jgħixu fihom. Numru limitat ta’ dawn il-bolol se jkun disponibbli mill-uffiċċini tal-Awtorità tad-Djar fi Triq il-Kapuċċini, il-Furjana, bid-donazzjonijiet kollha miġbura jmorru b’risq Puttinu Cares.
Intant, dawk interessati li jżuru l-wirja jistgħu jagħmlu dan sal-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru, kuljum bejn id-09:00 u l-20:00, fl-Istitut Kulturali Taljan fil-Belt Valletta.