Il-kantanta Maltija Emma Muscat tinsab fost l-aħħar 60 artist li għadhom fit-tellieqa ta’ Sanremo Giovani, fejn qed tissielet biex tikseb post fost is-sitt artisti li se jkollhom l-opportunità li jkomplu l-vjaġġ tagħhom lejn il-Festival ta’ Sanremo tal-2027. Dak li jagħmel din l-aħbar aktar speċjali huwa l-fatt li Emma hija l-unika artista fil-lista li ma twelditx fl-Italja, kisba li fiha nnifisha diġà hija raġuni ta’ kburija għall-Maltin.
Madankollu, it-triq mhijiex waħda faċli. Il-kompetizzjoni hija waħda iebsa, b’għadd ta’ artisti żgħażagħ li kollha qed jittamaw li jiksbu l-opportunità li jitilgħu fuq wieħed mill-aktar palkijiet prestiġjużi fix-xena mużikali Taljana. Emma, li tul dawn l-aħħar snin kompliet tibni l-karriera tagħha kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja, issa għandha quddiemha opportunità oħra importanti biex tkompli tħalli l-marka tagħha fix-xena mużikali internazzjonali.
Tgħid se jkollna ċ-ċans naraw lil Emma Muscat tagħmel l-istorja u ssir l-ewwel kantanta Maltija li tipparteċipa fil-Festival ta’ Sanremo? Nawgurawlha kull suċċess f’dan il-vjaġġ u nittamaw li naraw il-bandiera Maltija tkompli tispikka!
Facebook / Emma Muscat